Il‑Kummissjoni ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’ fi ħdan l‑Arċidjoċesi ta’ Malta organizzat webinar nhar l‑Erbgħa 27 ta’ Jannar 2021. Din il‑laqgħa kienet ippreseduta mill‑Arċisqof Charles Scicluna u għaliha attendew diversi rappreżentanti u mexxejja ta’ kummissjonijiet u entitajiet tal‑Knisja.

Matul il‑laqgħa tnediet il‑website li tinkludi riżorsi u tagħrif dwar id-dokument ta’ tiġdid pastorali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta bit‑tema Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, kif ukoll saru preżentazzjonijiet ta’ ħidmiet li bdew jew tlestew diġà, b’rabta mal‑istess dokument. Dawn jinkludu l‑inizjattiva kateketika online għat‑tfal bil‑website Bekids.mt, il‑ħames edizzjoni tal‑Bibbja bil‑Malti stampata kif ukoll fuq app mill‑Għaqda Biblika Maltija, il‑proġett Fehmiet fuq il‑Kattoliċiżmu mill‑Istitut ta’ Riċerka Discern, l‑eseġeżi tar‑rakkont ta’ Għemmaus mid‑Dipartiment tal‑Iskrittura fi ħdan il‑Fakultà tat‑Teoloġija, proġetti mid‑Djakonija Unit fi ħdan il‑Caritas mal‑parroċċi u entitajiet djoċesani tad‑djakonija biex jgħinu lill‑fqir u l‑batut fil‑komunità, gwida mqassra għall‑pastorali taż‑żgħażagħ bil‑Malti u bl‑Ingliż mill‑Malta Catholic Youth Network (MCYN), ir‑rapport Midd idek għall‑Fqir mill‑entitajiet fi ħdan is‑Segretarjat Djakonija u r‑rapport Beyond GDP mill‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi flimkien ma’ entitajiet oħra.

Il‑kelliema tal‑webinar kienu membri mill‑MCYN; il‑Forum Għaqdiet Lajċi; Discern; il‑Vigarjat Djakonija; il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi flimkien ma’ Centesimus Annus, Fokolari, EY u Seed Consultancy; u l‑Vigarjat Episkopali għall‑Evanġelizzazzjoni.

L‑għan tal‑laqgħa kien li tingħata informazzjoni dwar il‑proċess ta’ tiġdid ekkleżjali, filwaqt li jitħeġġu sinerġiji ġodda bejn l‑entitajiet fil‑Knisja. Tnieda wkoll filmat li jispjega l‑għeruq Insara tal‑poplu Malti, ir‑realtà tal‑fidi li tħaddan is‑soċjetà Maltija llum u l‑istedina għal dan il‑proċess b’ħarsa lejn futur imnebbaħ mill‑Ispirtu s‑Santu.

Il‑proċess ta’ tiġdid ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed tnieda mill‑Arċisqof fis‑7 ta’ Ġunju 2020.  Dakinhar huwa sejjaħ lill‑entitajiet kollha tal‑Knisja f’Malta – parroċċi, kongregazzjonijiet reliġjużi, skejjel, moviment tal‑lajċi, familji u oħrajn – biex jagħmlu tagħhom din il‑viżjoni u jidħlu f’dan il‑vjaġġ ta’ tiġdid.

Wara t-tnedija tad-dokument, l-Arċisqof waqqaf kummissjoni ta’ koordinament, immexxija mill-Isqof Awżiljarju, li qed tara li jitwettaq dan il‑proċess, kif ukoll tħeġġeġ il‑kontribut ta’ nies impenjati fil‑knisja u persuni oħra minn diversi realtajiet tas‑soċjetà Maltija.

Żur https://vjagg.knisja.mt/#timeline biex issir taf aktar dwar il-ħidmiet b’rabta mad-dokument.