Timeline

Ħidma mit-Taqsima tad-Djakonija fil-Parroċċi u Caritas

It-Taqsima tad-Djakonija fil-Parroċċi u Caritas flimkien ma’ bosta entitajiet oħra qed taħdem fuq għadd ta’ proġetti. Dawn huma:

  • Database komuni ta’ benefiċċjarji ta’ għajnuniet bażiċi (ikel, ħwejjeġ, bżonnijiet ta’ tindif)
  • Intrapriża soċjali li ssaħħaħ u tikkordina r-riżorsi u s-servizzi mogħtija fil-komunitajiet waqt li toħloq pjattaforma għall-ħidma volontarja, u fond ċentrali biex issostni d-djakonija fil-parroċċi. Din se tinkorpora: il-proġett Solidarity Kitchens id f’id mal-Fondazzjoni Alfred Mizzi, ħanut, u laundry fost l-oħrajn. Dan il-proġett hu kkordinat mill-Caritas Djakonija Unit bil-parteċipazzjoni tas-Segretarjat Djakonija, s-Segretarjat Parroċċi u l-Kummissjoni Migranti u s-sostenn tas-St Jeanne Antide Foundation, Millenium Chapel, Institute Paolo Freire u s-Segretarjat Assistenza Soċjali, Fondazzjoni Sebħ (tim ta’ ħidma soċjali fil-komunitajiet tal-Ħamrun u l-Marsa).
  • Servizz ta’ sostenn ta’ ħidma soċjali għall-kappillani
  • Servizz ta’ xiri ta’ ikel u ħwejjeġ tat-tindif li jitqassmu lin-nies fil-bżonn bl-ingrossa
  • Diskussjonijiet biex jitnieda servizz ta’ sostenn professjonali għad-dispożizzjoni tal-ħidma tad-djakonija fil-parroċċi

Dawn il-proġetti huma frott ta’ ħidma ta’ laqgħat regolari li saru ma’ kappillani, ħidmiet u inizjattivi tad-djakonija fil-parroċċi, u kummissjonijiet djakonija parrokkjali li bdew f’Marzu 2020. Hemm madwar 40 voluntier involut fil-proġetti fuq ħidma ta’ kull ġimgħa jew ġimagħtejn. It-Taqsima Djakonija qed tittama li tilħaq lis-70 parroċċa u l-bqija tal-entitajiet djoċesani.

Dawn il-laqgħat kienu jġibu flimkien lil dawn l-entitajiet: St Jeanne Antide Foundation, Millenium Chapel, Institute Paolo Freire, Segretarjat Assistenza Socjali, Fondazzjoni Sebħ (tim ta’ ħidma soċjali fil-komunitajiet tal-Ħamrun u l-Marsa), il-Caritas Social work &Counselling Unit, u rappreżentanti tal-ħidma tad-djakonija tal-parroċċi ta’ San Ġiljan u Marsaskala.

Matul il-laqgħat inħass li jingħata bidu għal dawn il-proġetti wara li ġew diskussi dawn l-ideat u bżonnijiet:

  • Aħna lkoll aħwa benefatturi u benefiċċjarji ta’ xulxin.
  • Anke jekk nista’ nagħti biss ftit, dak il-ftit huma l-muniti tax-xwejħa tal-parabbola, li l-Mulej jbierek u jkattar.
  • Għandna bżonn li naddattaw għall-possibbiltà li l-volontarjat naqas mal-knisja fir-realtà tad-dinja tal-lum.
  • Hemm bżonn naħdmu id f’id ma’ professjonijiet ġodda, u jkollna komunikazzjoni ma’ professjonijiet li naħdmu magħhom spalla ma’ spalla fil-ħidma tad-djakonija.
  • Ix-xewqa li l-ħidma tad-djakonija ma tibqax ta’ ftit nies fil-kummissjoni djakonija imma li ssir tassew parti interna ta’ kull nisrani – kulħadd bil-mod tiegħu – waqt li l-kummissjoni tkun realtà li tkun xprun u toffri sostenn, gwida u parir professjonali għad-diversi ħidmiet tad-djakonija fil-parroċċa.
  • Għandna barka fid-diversità u l-ammont ta’ ħidmiet organizzati li diġà jeżistu fi ħdan il-parroċċi u l-entitajiet djoċesani ta’ djakonija fil-komunità u tkun ħasra jekk dil-ħidma kollha ma tkunx msaħħa permezz ta’ koordinament, tisħiħ ta’ riżorsi, it-taħriġ u sostenn adegwat lill-kappillani u l-operaturi pastorali tad-djakonija.

Bħalissa t-Taqsima tad-Djakonija fil-Parroċċi tinsab fl-aħħar stadju li titnieda l-Kummissjoni Djoċesana Djakonija b’rappreżentanza tal-kummissjonijiet djakonija tal-parroċċi u l-Kulleġġ tal-Kappillani. Dan kollu qed iservi bħala bażi ta’ komunikazzjoni, koordinament u tisħiħ biex il-ħidma tkun tassew msejsa fuq dixxerniment u azzjoni komunitarja.

Bekids.mt: website ta’ formazzjoni kateketika għaż-żgħar

Bekids.mt inħolqot mis-Segretarjat għall-Katekeżi u Spiritual Development in Schools, bil-għajnuna mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, il-Kummissjoni Djoċesana Tfal, is-Soċjetà Duttrina Nisranija, is-Segretarjat għall-Parroċċi u t-Technology Development Unit fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, b’koordinament mill-Vigarjat għall-Evanġelizzazzjoni. Din tnediet f’Marzu tal-2020 fil-bidu tal-lockdown tal-pandemija tal-Covid-19. Minn dak iż-żmien kompliet toħloq kontenut kull ġimgħa bi tnedija ta’ website ġdida f’Awwissu 2020 u sħubija mal-Malta-CatholicBrain f’Ottubru 2020. B’kollox hemm madwar 30 persuna involuti fil-ħolqien u l-amministrazzjoni tal-website.

L-idea għall-website ġiet minħabba li waqt il-lockdown tal-pandemija nħass il-bżonn ta’ riflessjoni fuq il-formazzjoni Nisranija tat-tfal fil-Knisja domestika, fil-parroċċa u fl-iskejjel. U ttieħdet id-deċiżjoni li ssir xi ħaġa dwar formazzjoni Nisranija għat-tfal, f’realtà ta’ pandemija, li jibda mill-familja u li jsaħħaħ lill-istess familja.

L-għan tagħha hu li toffri formazzjoni kateketika komprensiva għat-tfal u għall-adolexxenti u hi maħduma biex tgħin lill-ġenituri, lill-katekisti u lil dawk kollha responsabbli mill-formazzjoni fil-fidi tat-tfal u tal-preadolexxenti.

It-tama hi li Bekids.mt tkun l-ewwel pass fil-mogħdiija ta’ formazzjoni ta’ dak li jkun mill-bidu sa tmiem il-ħajja. Il-website kulma jmur dejjem qiegħda tikber grazzi għall-kontenut li qed toffri kif ukoll bin-nies kollha li qiegħda dejjem tkompli tipprova tilħaq.