The process of ‘A Church that Accompanies’ is launched at the 2022 Diocesan Assembly
L-Arċidjoċesi ta’ Malta nediet it-tielet sena ta’ proċess ekkleżjali ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed: Knisja li Takkumpanja’. Dan sar waqt l-Assemblea Djoċesana annwali, fejn instemgħu esperjenzi varji dwar kif il-Knisja qed takkumpanja lin-nies fid-diversi ċirkustanzi ta’ ħajjithom. L-esperjenzi kienu jinkludu akkumpanjament li jsir fl-iskejjel mal-istudenti, l-għalliema, l-ġenituri u l-impjegati; u akkumpanjament fil-parroċċi fosthom mal-familji u ma’ dawk li ġarrbu xi telfa; u akkumpanjament mas-saċerdoti stess.
Dwar il-fażi ta’ akkumpanjament, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, qal: “Il-ħsieb hu li ngħinu biex l-oqsma differenti tal-Knisja f’Malta matul is-sena d-dieħla joħorġu b’inizjattivi kreattivi u siewja fejn jidħol l-akkumpanjament. Dejjem hi ta’ sfida għalina, imma hi importanti li ngħaqqdu flimkien il-kreattività mal-unità fid-direzzjoni u fil-ħidma”. Kien għalhekk li stieden lill-istituzzjonijiet differenti fil-Knisja f’Malta sabiex ikunu ispirati minn din it-tema u bil-kreattività tagħhom jaħdmu flimkien bħala Knisja waħda.
L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi spjega wkoll kif il-proċess ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed hu esperjenza li jgħaqqadna bis-sħiħ mal-esperjenza ta’ sinodalità li l-Papa Franġisku nieda għall-Knisja universali fl-2021 u għandu jwassal għal outreach f’missjoni. Żied jgħid li l-proċess inqasam fuq erba’ aspetti u kull sena l-Knisja qed tiffoka u tinżel fil-fond fuq aspett partikulari.
Matul il-jumejn tal-Assemblea ngħata wkoll rendikont ta’ x’sar matul il-proċess ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed din is-sena, li kien dwar ‘Knisja li tilqa’’. Il-grupp li ħadem fuq din il-fażi tal-proċess kellu jifhem aħjar kif il-Knisja f’Malta tista’ tkompli tilqa’ u tkun qrib il-persuni migranti, LGBTIQ+, persuni li sofrew minn xi forma ta’ abbuż, persuni mwarrba minħabba l-faqar, u persuni li fil-passat sofrew minħabba kwistjonijiet politiċi. Il-grupp li kien qed jaħdem ma’ dawn in-nies ħareġ bi proposti konkreti ta’ x’jista’ jsir fis-snin li ġejjin.
L-Assemblea Djoċesana ntemmet b’messaġġ mill-Arċisqof Charles Scicluna. Hu spjega li f’dan il-proċess irridu niskopru min se jakkumpanja lil min, kif, fejn u meta se jsir l-akkumpanjament. Jagħti eżempju ta’ kif jista’ jsir l-akkumpanjament bl-eżempju tal-istorja ta’ Għemmaus, fejn Ġesù daħal fis-sitwazzjoni tad-dixxipli, semagħhom, staqsiehom u dderiġihom mingħajr ma impona lilu nnifsu. Żid jgħid li hu proċess fejn inkunu qrib ta’ xulxin, bħalma Alla hu qrib tagħna, bla ma ħadd iħossu superjuri fuq ħadd.
L-Arċisqof qal li dan għandu jkun akkumpanjament “li ma jiċħad il-libertà ta’ ħadd imma jeduka għall-imħabba, għall-ferħ u għall-paċi” u li permezz tiegħu “nkunu qrib ta’ xulxin bl-istil tal-Evanġelju, bil-viċinanza, bit-tenerezza u anki b’ħafna ħniena u ħafna kompassjoni”.
Madwar 200 parteċipant attendew fiżikament jew virtwalment għall-Assemblea fis-sala taċ-ĊAK f’Birkirkara. Aktar tagħrif dwar il-proċess Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed jinsab fuq vjagg.knisja.mt.
Tagħrif u riżorsi oħra marbuta mal-Assemblea Djoċesana