It-Taqsima tad-Djakonija fil-Parroċċi u Caritas flimkien ma’ bosta entitajiet oħra qed taħdem fuq għadd ta’ proġetti. Dawn huma:
- Database komuni ta’ benefiċċjarji ta’ għajnuniet bażiċi (ikel, ħwejjeġ, bżonnijiet ta’ tindif)
- Intrapriża soċjali li ssaħħaħ u tikkordina r-riżorsi u s-servizzi mogħtija fil-komunitajiet waqt li toħloq pjattaforma għall-ħidma volontarja, u fond ċentrali biex issostni d-djakonija fil-parroċċi. Din se tinkorpora: il-proġett Solidarity Kitchens id f’id mal-Fondazzjoni Alfred Mizzi, ħanut, u laundry fost l-oħrajn. Dan il-proġett hu kkordinat mill-Caritas Djakonija Unit bil-parteċipazzjoni tas-Segretarjat Djakonija, s-Segretarjat Parroċċi u l-Kummissjoni Migranti u s-sostenn tas-St Jeanne Antide Foundation, Millenium Chapel, Institute Paolo Freire u s-Segretarjat Assistenza Soċjali, Fondazzjoni Sebħ (tim ta’ ħidma soċjali fil-komunitajiet tal-Ħamrun u l-Marsa).
- Servizz ta’ sostenn ta’ ħidma soċjali għall-kappillani
- Servizz ta’ xiri ta’ ikel u ħwejjeġ tat-tindif li jitqassmu lin-nies fil-bżonn bl-ingrossa
- Diskussjonijiet biex jitnieda servizz ta’ sostenn professjonali għad-dispożizzjoni tal-ħidma tad-djakonija fil-parroċċi
Dawn il-proġetti huma frott ta’ ħidma ta’ laqgħat regolari li saru ma’ kappillani, ħidmiet u inizjattivi tad-djakonija fil-parroċċi, u kummissjonijiet djakonija parrokkjali li bdew f’Marzu 2020. Hemm madwar 40 voluntier involut fil-proġetti fuq ħidma ta’ kull ġimgħa jew ġimagħtejn. It-Taqsima Djakonija qed tittama li tilħaq lis-70 parroċċa u l-bqija tal-entitajiet djoċesani.
Dawn il-laqgħat kienu jġibu flimkien lil dawn l-entitajiet: St Jeanne Antide Foundation, Millenium Chapel, Institute Paolo Freire, Segretarjat Assistenza Socjali, Fondazzjoni Sebħ (tim ta’ ħidma soċjali fil-komunitajiet tal-Ħamrun u l-Marsa), il-Caritas Social work &Counselling Unit, u rappreżentanti tal-ħidma tad-djakonija tal-parroċċi ta’ San Ġiljan u Marsaskala.
Matul il-laqgħat inħass li jingħata bidu għal dawn il-proġetti wara li ġew diskussi dawn l-ideat u bżonnijiet:
- Aħna lkoll aħwa benefatturi u benefiċċjarji ta’ xulxin.
- Anke jekk nista’ nagħti biss ftit, dak il-ftit huma l-muniti tax-xwejħa tal-parabbola, li l-Mulej jbierek u jkattar.
- Għandna bżonn li naddattaw għall-possibbiltà li l-volontarjat naqas mal-knisja fir-realtà tad-dinja tal-lum.
- Hemm bżonn naħdmu id f’id ma’ professjonijiet ġodda, u jkollna komunikazzjoni ma’ professjonijiet li naħdmu magħhom spalla ma’ spalla fil-ħidma tad-djakonija.
- Ix-xewqa li l-ħidma tad-djakonija ma tibqax ta’ ftit nies fil-kummissjoni djakonija imma li ssir tassew parti interna ta’ kull nisrani – kulħadd bil-mod tiegħu – waqt li l-kummissjoni tkun realtà li tkun xprun u toffri sostenn, gwida u parir professjonali għad-diversi ħidmiet tad-djakonija fil-parroċċa.
- Għandna barka fid-diversità u l-ammont ta’ ħidmiet organizzati li diġà jeżistu fi ħdan il-parroċċi u l-entitajiet djoċesani ta’ djakonija fil-komunità u tkun ħasra jekk dil-ħidma kollha ma tkunx msaħħa permezz ta’ koordinament, tisħiħ ta’ riżorsi, it-taħriġ u sostenn adegwat lill-kappillani u l-operaturi pastorali tad-djakonija.
Bħalissa t-Taqsima tad-Djakonija fil-Parroċċi tinsab fl-aħħar stadju li titnieda l-Kummissjoni Djoċesana Djakonija b’rappreżentanza tal-kummissjonijiet djakonija tal-parroċċi u l-Kulleġġ tal-Kappillani. Dan kollu qed iservi bħala bażi ta’ komunikazzjoni, koordinament u tisħiħ biex il-ħidma tkun tassew msejsa fuq dixxerniment u azzjoni komunitarja.